68% mill-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja jgħaddu għas-6th Form

Il-maġġoranza tal-istudenti mill-iskejjel tal-Knisja rnexxielhom jiksbu r-rekwiżiti tad-dħul għas-6th Form.
Fir-rapport annwali tal-eżamijiet tas-SEC (O levels) tal-2017, il-bord tal-MATSEC qal li filwaqt li 68.4% tal-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja rnexxielhom jiksbu dawk ir-rekwiżiti, għall-istudenti tal-iskejjel tal-Gvern dan il-persentaġġ huwa ta’ 37.3%. Madanakollu, il-bord qal li dawn iċ-ċifri qed jinbidlu gradwalment hekk kif il-persentaġġi fl-2014 kienu ta’ 34.9% għall-iskejjel tal-Gvern u ta’ 75.3% għal dawk tal-Knisja.
Skont ir-rapport, 57.1% tal-istudenti tal-iskejjel indipendenti kisbu r-rekwiżiti meħtieġa biex jidħlu fis-6th form fl-2017. Lura fl-2014, dan il-persentaġġ kien ta’ 62.9%.
Ir-rapport juri wkoll li r-rata ta’ suċċess tal-istudenti fl-2017 żdiedet b’0.2% mill-2014.
Punti prinċipali

  • Il-maġġoranza tal-istudenti li għandhom 16-il sena kellhom bejn 9 u 10 eżamijiet
  • Kien hemm 5,497 persuni li kellhom eżami f’wieħed jew aktar mis-suġġetti fis-sessjoni prinċipali
  • Minn 571 li applikaw għal reviżjoni tal-karta (revision of paper) 23 ingħataw marka aġġornata
  • Il-maġġoranza (63.4%) tal-kandidati twieldu fl-2001
  • Is-suġġett li għalih applikaw l-aktar biex jagħmlu l-karta IIB kien dak tal-matematika
  • Il-persentaġġ ta’ reġistrazzjonijiet għall-karti IIA kien partikolarment għoli għall-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti
  • It-Taljan kien l-aktar lingwa barranija komuni li għażlu l-kandidati