68 każ tal-familja quddiem medjatriċi waħda f’Għawdex

Bħalissa hemm 68 każ tal-familja quddiem l-unika medjatriċi impjegata fil-Qorti ta’ Għawdex.

Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fil-Parlament hu u jwieġeb mistoqsija tad-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi. Hu staqsa kemm hemm każijiet tal-familja quddiem il-medjatur f’Għawdex, kemm hemm medjaturi impjegati f’Għawdex u kemm-il siegħa fil-ġimgħa jaħdmu.

Zammit Lewis spjega li f’Għawdex hemm 68 każijiet tal-familja. Qal li hemm medjatriċi waħda li taħdem erba’ sigħat fil-ġimgħa. Hu qal li qed tlaħħaq mal-każijiet, però qed jiġi kkonsidrat li jiżdied il-ħin skont l-esiġenzi tal-Medjatriċi, jekk ikun il-każ.

X’inhi l-medjazzjoni fi kwistjonijiet tal-familja?

Skont ktejjeb ta’ informazzjoni maħruġ mill-Qrati tal-Ġustizzja, meta koppja jkollha kwistjoni dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-familja, il-partijiet jistgħu jitolbu għajnuna minn medjatur sabiex jgħinhom jilħqu ftehim amikevoli mingħajr il-ħtieġa li jirrikorru għal proċeduri formali quddiem il-Qorti. Minkejja li l-medjazzjoni hija dejjem meħtieġa mil-liġi bħala l-ewwel pass meta wieħed jirrikorri fil-Qorti tal-Familja, dan il-proċess, meta jwassal għal ftehim amikevoli, jiffranka lill-partijiet milli jidħlu fi spejjeż u proċeduri li jistgħu jkunu twal.

Min hu l-medjatur u x’inhu r-rwol tieghu?

L-istess dokumen iħares lejn l-irwol tal-medjatur. Jgħid li l-medjatur huwa dik il-persuna li tgħin lill-partijiet jilħqu ftehim amikevoli. Hija persuna indipendenti u imparzjali, maħtura mill-Qorti. F’ċertu każijiet, il-partijiet jagħżlu l-medjatur huma stess u f’dan il-każ ikun hemm xi spejjeż żgħar.

Il-medjaturi huma kollha professjonisti u kwalifikati. Ħafna minnhom huma family therapists, social workers jew avukati. Il-medjatur mhux Imħallef u allura ma jistax jagħti ordnijiet lill-partijiet. Jekk il-medjatur ikun avukat, dan m’għandu ebda dritt jew obbligu li jipprovdi pariri legali lill-partijiet.