68 appartament ġodda f’San Ġiljan se “jifgaw it-toroq bit-traffiku” – FAA

Miguela Xuereb

Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qed toġġezzjona kontra applikazzjoni biex jinbnew 68 appartament u propjetajiet kummerċjali f’San Ġiljan għax dan l-iżvilupp “jifga t-toroq dojoq tal-belt bit-traffiku.”

Minkejja xi oġġezzjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar li Flimkien għal Ambjent Aħjar tapprova minnhom, l-NGO temmen li l-Awtorità m’għandhiex tieqaf hemmhekk. Hija semmiet l-applikazzjoni ta’ Tumas Group sabiex jinbnew 68 appartament u propjetajiet kummerċjali fl-aħħar sit miftuħ f’San Ġiljan. L-għaqda insistiet li dan jhedded il-qalba ta’ din il-belt antika bi żvilupp massiċċ li jifga t-toroq dojoq tagħha bit-traffiku. Din l-applikazzjoni ġabret 350 oġġezzjoni, u FAA qalet li tittama li l-Awtorità tal-Ippjanar tirrealizza li proġett bħal dan la hu sostenibbli u lanqas mixtieq għal żona li tmur lura sekli sħaħ.

Flimkien għal Ambjent Aħjar laqgħet id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar meta din irrifjutat applikazzjoni għal parkeġġ illegali f’art ODZ ħdejn it-Tempji Ta’ Ħaġrat. Fi stqarrija, FAA spjegat li hi ilha tikkampanja sabiex tipproteġi dawn it-tempji storiċi, u kienet oġġezzjonat għall-approvazzjoni ta’ dan il-parkeġġ peress li temmen li dan kieku jirrovina l-istatus tat-tempji bħala sit ta’ patrimonju dinji, kif inhuma rikonoxxuti mill-UNESCO. Qalet li l-approvazzjoni ta’ dan il-parkeġġ kieku kienet twassal biex fejn ma jkunx hemm faċilitajiet ta’ parkeġġ fiż-żoni tal-bini, dan minflok jibda jiġi aċċettat f’art ODZ.

Apparti minn hekk, l-għaqda ġabet eżempju wkoll bil-ġnien ta’ Villa Gollcher fil-Mosta li hemm applikazzjoni sabiex jinbidel f’parkeġġ. Spjegat li dan il-ġnien ta’ 13,000 metru kwadru hu mimli bis-siġar taċ-ċitru, u minkejja li suppost huwa protett mill-iżvilupp, il-villa u l-ġnien tagħha ma ngħatawx protezzjoni għall-patrimonju. Għaldaqstant, FAA appellat lis-Sovritendenza għall-Patrimonju Kulturali sabiex tiskedahom malajr kemm jista’ jkun.

L-NGO temmet tgħid li hi ta’ ħasra li sakemm l-Awtorità tal-Ippjanar tikkommeti biex tipproteġi l-patrimonju u l-kwalità tal-ħajja Maltija, dan id-dover jaqa’ fuq l-NGOs u r-residenti li jridu jibqgħu qalbiena u involuti fil-ħarsien tal-patrimonju lokali.