67ċ fil-ġimgħa għaż-żieda fil-ħobż, fil-ħalib, petrol u diesel – PN

Read in English.

Il-familji Maltin ħadu 67ċ fil-ġimgħa biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fl-ogħli tal-ħajja fil-ħobż, fil-ħalib, petrol u diesel, gass, mediċini, għoli fil-kirjiet, għoli fil-materjal edukattiv u kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija b’reazzjoni għaċ-ċekkijiet tal-Bonus Addizzjonali li tqassmu lill-familji Maltin bejn il-15 ta’ Frar u llum.

L-istqarrija tal-PN tgħid kif iċ-ċekk ta’ darba f’sena ta’ €35 jew ta’ €15 li l-Gvern qed jibgħat fid-djar Maltin huma “daħqa fil-wiċċ u mogħdija taż-żmien bil-ħaddiema Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom”. Sostna li hija tal-mistħija li dawk qrib il-Gvern qed jaqilgħu l-eluf fis-sena u l-familji Maltin qed jirċievu ċekk ta’ €35 u €15.

L-istqarrija tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) qalet li fl-istess waqt, il-Gvern Laburista ta €200 miljun lill-kumpanija barranija Vitals u wara Steward għall-isptarijiet. “Dan meta minflok stajna tajna €500 lill-familji Maltin u Għawdxin,” kompliet l-istqarrija.

L-SĦPN ħeġġet lill-unjins biex ma jaċċettawx dik li sejħula “l-umiljazzjoni ta’ Gvern Laburista korrott li qed iħammar wiċċ” il-pajjiż.

Intant, fi stqarrija separata, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri qal li kull ġurnata li tgħaddi, il-familji Maltin u Għawdxin qed jinsterqu mit-taxxi tagħhom biex jitħallas id-dejn tal-Vitals. “Minnufih għandu jitwaqqaf dan il-kuntratt tat-tliet sptarijiet li sar ma’ Vitals, li llum qed jitmexxew minn Steward,” qal Spiteri.

Spiteri sostna li issa għaddew ġimgħat minn meta l-Prim Ministru Robert Abela qal li qed jistudja l-kuntratt u l-Oppożizzjoni diġà għamlitha ċara li ma taqbilx mal-bord li ħatar il-Prim Ministru biex jiflu l-kuntratt.