Read in English.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li fl-iskejjel primarji u sekondarji hawn 67 tifel u tifla b’vista batuta. Semmiet kif dawn it-tfal għandhom sfidi partikolari fil-proċess edukattiv tagħhom, u qalet li għandhom jingħataw kull għajnuna.
Waqt konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni għat-tfal b’vista batuta, il-President saħqet dwar strateġiji effettivi biex is-soċjetà tindirizza l-isfidi li kull tifel u tifla jiltaqgħu magħhom fil-kuntest ta’ sistema edukattiva inklussiva.
Fost l-oħrajn semmiet l-għajnuna li joffru l-LSAs u l-għalliema fil-klassijiet iżda qalet li fl-istess ħin, is-soċjetà ma tistax tippretendi li l-edukaturi jagħtu minn dak li ma għandhomx.
Il-President qalet li l-istudenti b’vista batuta jeħtieġu sistema edukattiva li tissodisfa l-ħtiġijiet individwali tagħhom.
Irreferiet għall-inizjattiva tal-Qaritona Nazzjonali li qed titnieda minn The President’s Trust u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, fejn dawn is-67 tifel se jingħataw tagħmir speċjali li jgħinhom fl-edukazzjoni tagħhom.