67 taħrika minħabba sewqan eċċessiv

Read in English.

Il-pulizija dalgħodu b’kollox ħarġu 67 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva. Fi stqarrija il-Pulizija spjegat li pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku, tar-Rapid Intervention Unit u tal-Komunità tal-Mellieħa wettqu aktar kontrolli dwar sewqan eċċessiv fi Triq Louis Wettinger, magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa. Huma wettqu kontrolli wkol fi Triq Ħal Far f’Birżebbuġa.

L-ogħla veloċità rreġistrata kienet ta’ mutur li inqabad isuq b’137 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa fil-bypass tal-Mellieħa.

Il-Pulizija ħarġu wkoll 11-il taħrika minħabba numru ta’ irregolarijiet differenti.

Minbarra dawn it-taħrikiet, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku komplew jagħmlu rondi f’diversi toroq oħra, b’enfasi wkoll fuq sewqan bil-mobile u fuq vetturi kummercjali, kif ukoll tħaris tar-regolamenti skont l-Avviż Legali dwar in-numru ta’ persuni fi spazji pubbliċi.

Dawn l-ispezzjonijiet se jibqgħu jsiru waqt li l-Pulizija se tkompli twettaq ix-xogħol tagħha ta’ infurzar b’rabta mal-imxija tal-coronavirus.