67% bi problemi ta’ saħħa mentali fuq ix-xogħol

67% tal-persuni li pparteċipaw fi stħarriġ li sar qalu li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, speċjalment l-anzjetà u l-istress.

L-istħarriġ sar minn MISCO fost 565 persuna minn disa’ setturi differenti ta’ xogħol, fosthom mill-oqsma tas-servizzi finanzjarji, tal-manifattura, l-amministrazzjoni u t-turiżmu. Filwaqt li 54% ta’ dawk li rrispondew kienu nisa, 66% jaħdmu fis-settur privat, 31% jaħdmu fis-settur pubbliku u 3% jaħdmu ma’ NGOs. Dan l-istħarriġ sar f’Marzu bħala parti minn stħarriġ ġdid dwar saħħa mentali li se jkun qed jirriċerka kif iħossuhom l-impjegati dwar is-saħħa mentali tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Xi spikka fir-rapport?

  • 40% qalu li effetti ta’ saħħa mentali fqira jaffettwa l-livell ta’ konċentrazzjoni fuq ix-xogħol li jwasslu għal kunflitt mal-kollegi, li jkollhom inqas paċenzja u li jispiċċaw idumu iżjed biex ilestu x-xogħol li jkollhom jagħmlu;
  • 52% iħossu li x-xogħol tagħhom huwa stressanti;
  • 20% qalu li l-istress tagħhom ġej minn ħafna xogħol;
  • 46% qalu li jħossu ħafna pressjoni fuq ix-xogħol.

Meta kienu mitluba jfissru l-istat mentali tagħhom bħalissa, 24% qalu tajjeb ħafna, 44% qalu tajjeb, 24% qalu ħażin u 7% wieġbu ħażin ħafna. 40% ta’ dawk li wieġbu qalu li qed jaħdmu bejn 41 u 50 siegħa fil-ġimgħa. 83% minn dawn ma jaħdmux bix-xift.

Filwaqt li 69% ammettew li qatt ma ħadu ħin liberu mix-xogħol minħabba stat mentali ħażin, 79% minnhom qalu li qatt m’għamlu dan għaliex qatt ma ħassew verament il-bżonn. Mistoqsija dwar liema inizjattivi jipprovdi l-post tax-xogħol tagħhom biex jgħinhom itejbu s-saħħa mentali tagħhom, 42% semmew sigħat flessibbli, 22% semmew kultura ta’ komunikazzjoni miftuħa, 21% semmew programmi ta’ għajnuna għall-impjegati u terapija, filwaqt li 18% semmew inizjattivi favur il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu bħall-gym u ikel.

55% tal-parteċipanti ma jħossuhomx kunfidenti li jiżvelaw stress mhux maniġġabbli jew problemi ta’ saħħa mentali lil min iħaddimhom jew lill-maniġer tagħhom, 72% qatt ma żvelaw il-kwistjonijiet tagħhom ma’ min jimpjegahom filwaqt li 70% ta’ dawk li għamlu hekk, qatt ma rċivew trattament. Farrugia osservat li minħabba f’hekk, jeħtieġ li min iħaddem jieħu l-ewwel pass.

Il-pandemija kif affettwat is-saħħa mentali?

“Is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol diġà kienet ta’ tħassib qabel il-Covid-19 fil-fatt, dan l-istħarriġ sar fil-bidu ta’ Marzu, qabel ma biss konna nimmaġinaw kemm kien se jkun kbir l-impatt ta’ din il-pandemija,” qalet Odessa Farrugia minn MISCO. Żiedet tgħid li li wieħed jikseb l-għajnuna għas-saħħa mentali donnu għadu tabù fis-soċjetà.

Dwar l-effetti tal-coronavirus, qalet illi “B’din il-pandemija li probabbli se titniżżel bħala l-ikbar sfrattament professjonali fl-istorja, kulħadd se jkun b’xi mod jew ieħor affettwat fuq livell psikoloġiku minn din l-esperjenza globali u ħafna effetti psikoloġiċi kapaċi jibdew ħerġin iżjed fiċ-ċar hekk kif bil-mod qegħdin noħorġu mill-lockdown.”

Wieħed mis-suġġetti li għandhom jiġu diskussi waqt webinar li qed jiġi organizzat mill-MISCO fit-22 ta’ Lulju huwa dwar l-istat tal-persuni fuq il-post tax-xogħol biex iqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali fuq ix-xogħol. Dawk interessati li jissieħbu f’dan il-webinar għandhom jikkuntattjaw lill-MISCO fuq info@miscomalta.com.