Aġġornata: 711-il student japplikaw għal-lezzjonijiet b’xejn għar-resits tal-O’levels

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo żvela li sat-3pm tal-lum applikaw 711 student għall-privat biex jerġgħu jagħmlu l-eżamijiet tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u l-Fiżika. 
Dawn l-istudenti applikaw għall-privat fl-iskema offruta mill-Gvern f’suġġett wieħed jew aktar.
Għall-Malti applikaw 266, għall-Ingliż applikaw 362, għall-Matematika applikaw 439 u għall-Fiżika applikaw 232.
Il-Ministru Bartolo qal li eżatt kif bdew ħerġin ir-riżultati tas-SEC, reġgħu ħarġu l-avviżi biex l-istudenti japplikaw għall-privat bla ħlas.
Dawk li jridu japplikaw għandhom ċans sa’ nhar il-Erbgħa f’nofsillejl. Min japplika jrid ikun għamel jew ma marx għall-eżamijiet ta’ Mejju.
Il-Ministru spjega li dan is-servizz huwa parti mill-Youth Job Guarantee u li għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra Ewropej, pajjiżna mhux joffrihom għax hawn problema ta’ qgħad fost iż-żagħżagħ imma għax hawn rata kbira ta’ studenti li jitilqu mill-edukazzjoni mingħajr il-ħiliet bażiċi.
Sostna li din ir-rata fil-preżent tlaħħaq l-20.9% u l-mira tal-Gvern hija li din tonqos għal 10% sal-2020.
Qal li l-problema qegħda l-izjed fost dawk li ma jkomplux jistudjaw wara s-17-il sena.
Miċ-ċifri sal-2012, 86% ta’ dawk li kellhom 16-il sena komplew jistudjaw filwaqt li 56% biss ta’ dawk li kellhom 17-il sena komplew bl-istudji tagħhom.
Il-Ministru Bartolo qal li teżisti problema fis-sistema edukattiva għax imfassla fuq sistema waħda kif imkejla mis-SEC.
Saħaq li s-sistema edukattiva trid toffri diversità tal-assessjar skont il-ħiliet.
Il-lezzjonijiet tal-privat mogħtija bla ħlas se jibdew fit-28 ta’ Lulju u jammontaw għal ħames ġimgħat ta’ lezzjonijiet.