665 kumpanija m’għandhiex ħaddiema b’diżabilità skont il-liġi

Sal-aħħar ta’ Marzu 2017 kien hemm 665 intrapriża privata li ma kenitx qed tilħaq il-perċentwali stabbilita mil-liġi għal dak li jikkonċerna t-tħaddim ta' persuni b'diżabilità.
Dan qalu l-Ministru għax-Xogħol Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Bartolo qal dawk l-intrapriżi li ma laħqux il-perċentwali ġew mitluba jħallsu l-kontribuzzjoni kif stabbilit fil-liġi li tlaħħaq €2,400 għal kull persuna b'diżabilità inqas fl-impjieg sa massimu ta’ €10,000 fis-sena.
Huwa sostna li l-ebda entità governattiva (korporazzjonijiet, awtoritajiet jew entitajiet oħra) ma ġiet mġiegħla tħallas il-kontribuzzjoni għaliex is-settur pubbliku fit-totalità tiegħu jissodisfa l-kwota ta’ tnejn fil-mija stabbilita fil-liġi.