653 persuna mgħejjuna mill-Caritas fl-2013

Il-Caritas laqgħet 653 persuna matul is-sena li għaddiet. Dan kien ifisser żieda ta’ 26% mill-2004.
Il-maġġoranza ta’ dawk li talbu l-għajnuna, bdew jużaw l-eroina ta’ 14-il sena, il-kannabis ta’ 15-il sena, u l-kokaina ta’ 16-il sena.
L-età l-iktar komuni fost dawk li talbu l-għajnuna s-sena li għaddiet kienet bejn is-27 u l-34 sena. Dan meta mqabbel mal-età bejn id-19 u t-22 sena fis-snin ta’ qabel l-2007.
Il-maġġoranza assoluta ta dawk li talbu l-għajnuna mill-Caritas, 85%  jew 556, kienu rġiel u 15% jew 97 kienu nisa. F’ħafna każi, in-nisa jkunu għaddew minn esperjenzi ta’ ħsara fiżika, mentali u emozjonali kbira, u r-riabilitazzjoni magħhom titlob aktar attenzjoni u perseveranza.
39% mill-klienti resqu lejn il-Caritas minn jeddhom, 33% kienu imħajrin mill-familja u l-bqija resqu għal raġunijiet varji. 
Kważi nofshom ma kellhomx impjieg, 7%  kienu studenti, u 5% ma kienux f’qagħda li jistgħu jimpjegaw ruħhom.
Naqas l-użu tal-eroina, imma żdied l-użu tal-kokaina.
L-Assistent Direttur tal-Caritas, Mons. Karm Farrugia qal li huwa ta’ tħassib li qegħda togħla l-eta’ ta’ dawk li jitolbu l-għajnuna.
Qal li dan jista’ jfisser li l-użu rikrejazzjonali tal-kokaina u l-kannabis qed jinganna liż-żgħażagħ għal numru ta’ snin sakemm jammettu li tkun saritilhom ħafna ħsara.
Spjega li l-użu eċċessiv ta’ l-alkoħol flimkien ma’ l-użu ta’ sustanzi oħra qed iqiegħed f’perikli kbar lis-saħħa mentali ta’ ħafna żgħażagħ u adolexxenti.
Mons. Karm Farrugia qal li, barra minn hekk, l-użu ta’ għamliet ġodda ta’ sustanzi sintetiċi li fihom taħlit dejjem jinbidel ta’ kimiċi perikolużi qed idaħħal lil ħafna persuni f’toroq u stili ta’ ħajja mudlama li mhux bilfors jirnexxilhom joħorġu minnhom.