650,000 ħaddiem fit-Tuneżija fuq strajk; pagi baxxi

Fit-Tuneżija, madwar 650,000 ħaddiem mis-settur pubbliku ħarġu fuq strajk minħabba pagi baxxi. Eluf niżlu jipprotestaw fit-toroq wara li l-gvern irrifjuta li jgħolli l-pagi wara li l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) hedded  lill-gvern li ħa jieqaf jiffinanzja l-pajjiz.

Skont id-demostranti d-deċizjonijiet mhumiex qegħdin jittieħdu mill-istat imma mill-FMI u li dalwaqt se jkun hemm revoluzzjoni kontra l-gvern.

L-istrajk, meqjus bħala l-akbar wieħed f’ħames snin organizzat mill-UGTT, l-unjin tal-ħaddiema, wassal biex ingħalqu numru ta’ skejjel, universitajiet u ministeri.  L-isptarijiet kienu qed jaħdmu biss f’każi ta’ emerġenza.

Il-Prim Ministru Tuneżin Youssef Chahed, jinstab taħt ħafna pressjoni mill-FMI u qed jaffaċċja wkoll kriżi politika minħabba li qed jipprova jgħaddi riformi ekonomiċi u jnaqqas id-defiċit.

It-Tuneżija ilha mill-2011 tbati minn ekonomija dgħajfa wara li l-poplu neħħa mill-poter lid-dittatur Zine al-Abidine Ben Ali. Dak iż-żmien il-poplu kien irrabjat dwar il-qagħad u l-faqar fil-pajjiż.

Kmieni dan ix-xahar l-FMI kien avża l-pajjiż biex jipprova jikkontrolla l-ammont ta’ flus li joħroġ fis-settur pubbliku biex iħallas lill-ħaddiema. Il-gvern Tuneżin kien laħaq ftehiem mal-FMI f’Diċembru 2016 biex jissellef madwar $2.8 biljun. Dan jekk jgħaddi r-riformi amministrattivi.