650 vettura spezzjonati fi 8 ijiem

Fl-aħħar jiem tal-2018 Transport Malta waqfet 649 vettura kummerċjali f’roadblocks.

Kelliem għall-Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li dan sar bħala parti minn eżerċizzju biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq. Fost il-vetturi li twaqqfu kien hemm taxis bojod, vetturi u minibuses bix-xufiera. L-uffiċjali kienu qegħdin jiċċekjaw li kemm ix-xufiera kif ukoll il-vetturi huma liċenzjati kif suppost. Filwaqt li l-vetturi kollha kienu liċenzjati skont il-liġi, l-uffiċjali sabu ammont żgħir ta’ xufiera li ma kienux qegħdin iġorru tag valida.

Bejn il-31 ta’ Diċembru 2018 u l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-Pulizija waqqfet total ta’ 558 vettura minħabba ksur tar-regoli tat-traffiku. Waqt l-ispezzjonijiet, 3 persuni nstabu li kienu qed jagħmlu użu minn vettura taħt l-effett tal-alkoħol.