65% tal-lukandiera jaħsbu li fadal sal-2023 biex jirkupraw mid-daqqa li ħadu bil-pandemija

Miguela Xuereb

65% tal-lukandiera internazzjonali huma tal-fehma li fadlilhom sas-sena 2023 biex jerġgħu jilħqu l-livell tan-negozju li kellhom qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus.

Dan it-tagħrif ħareġ minn webinar li ġie organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) flimkien mal-BOV u l-kumpanija Deloitte bl-isem Reigniting Tourism, li fih ipparteċipaw għadd ta’ msieħba fis-settur, fosthom il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli.

Xi punti li spikkaw kienu:

  • Fl-aħħar tliet xhur ta’ din is-sena u fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla se jkun hemm żieda qawwija ta’ entitajiet li jaffaċċjaw ċirkustanzi diffiċli;
  • Qed jiżdiedu t-tiftixiet dwar Malta fuq l-internet, kważi laħqu kemm kienet tiġi mfittxa Malta qabel il-pandemija;
  • Il-livelli tal-anzjetà tal-klijenti għadhom għoljin;
  • It-tħassib dwar l-ivvjaġġar għadu preżenti minkejja li n-nies qed jagħmlu l-pjanijiet li jsiefru;
  • In-nies iħossuhom aktar siguri jmorru jieklu ġo ristorant, joqogħdu ġo lukanda jew f’akkomodazzjoni privata milli li jsiefru.

Waqt il-webinar, il-Ministru rreferiet għall-istrateġiji li qiegħda tħaddem l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) sabiex tirriklama lil Malta bħala destinazzjoni ideali għas-safar u sabiex tattira aktar turiżmu lejn il-Gżejjer Maltin. Johann Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, qal li l-prijorità ewlenija tal-awtorità hija li tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni sigura f’dan iż-żmien ta’ biża’ u inċertezzi.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li s-settur tat-turiżmu mhuwiex magħmul biss mil-lukandiera u n-nies tar-ristoranti, imma anke mill-bidwi, mill-kuċċier tal-karozzin, minn dawk li jipprovdu s-servizzi. Stqarr li min ipinġi t-turiżmu bħala magna tal-flus għall-kapitalisti jkun żbaljat.

Tkellem ukoll Charles Mangion, iċ-Chairman tal-Air Malta, li ddiskuta l-irwol tal-Air Malta bħala l-linja nazzjonali tal-ajru fil-qawmien mill-ġdid tas-settur. Ammetta li l-coronavirus kien ta’ tfixkil kbir għal-linja tal-ajru wara sentejn ta’ sfida ta’ ristrutturar għall-Air Malta. Madankollu, huwa wera ċertezza fil-fatt li l-ishma li jagħrfu l-irwol kritiku tal-Air Malta għall-ekonomija se jiżguraw li l-linja tal-ajru ssalva f’dan il-mument iebes.