Għall-ħabs għax ma ħallsux il-manteniment tat-tfal

Bejn l-2016 u Mejju tal-2019 kien hemm total ta’ 65 ġenitur li weħlu l-ħabs għax ma ħallsux il-manteniment tat-tfal. 

Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fil-Parlament hu u jwieġeb mistoqsija tad-deputat Speaker Claudette Buttigieg. Bonnici pprovda statistika li turi wkoll li matul l-istess perjodu kien hemm total ta’ 107 persuna li nstabu ħatja u nżammu taħt detenzjoni minħabba dan. 

Aqra: Omm tieħu lill-iben pajjiż ieħor; il-missier jinsisti li jħallas il-manteniment

Il-każijiet huma aktar komuni li jitressqu għalihom irġiel. Skont l-istatistika ta’ Bonnici, fl-istess perjodu kienu biss tliet nisa li nstabu ħatja u weħlu detenzjoni jew ħabs, filwaqt li kien hemm 169 każ fejn kienu rġiel.

Is-sena li fiha kien hemm l-aktar każijiet kienet dik tal-2017 fejn kien hemm total ta’ 77 każ. Fl-2016 kien hemm total ta’ 31 każ, filwaqt li fl-2018 kien hemm total ta’ 62 każ. Sad-9 ta’ Mejju ta’ din is-sena, kien hemm biss żewġ każi tat-tip.

Aqra: Sitt persuni fix-xahar jintbagħtu l-ħabs għax ma jħallsux il-manteniment

Il-Ministru Bonnici spjega li bejn l-1 ta’ Jannar tal-2016 sad-9 ta’ Mejju tal-2019, fil-Qorti ta’ Għawdex ma kienx hemm persuni li weħlu l-ħabs għax ma ħallsux il-manteniment tat-tfal. Intant, intqal ukoll li l-massimu ta’ detenzjoni li persuna li ma tippermettix aċċess għal minuri lill-persuna li jkollha l-kustodja ta’ dak il-minuri huwa ta’ xahrejn skont il-Kodiċi Kriminali.