65 każ ġdid ta’ coronavirus f’Malta

Miguela Xuereb

Read in English.

F’Malta ġew reġistrati 65 każ ġdid ta’ coronavirus. Dawn instabu fost grupp ta’ 94 immigranti li ddaħlu Malta lbieraħ.

Fi stqarrija maħruġa ftit wara s-6pm il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-immigranti li nstabu pożittiv għall-virus se jibqgħu jinżammu f’iżolament fil-Ħal Far Initial Reception Centre.

L-94 immigrant li lbieraħ iddaħħlu Malta ġew iżolati u sarilhom swab test għall-COVID-19. S’issa ħarġu r-riżultati ta’ 85 minnhom – 65 kellhom riżultat pożittiv.

“Bħalma hija l-proċedura normali, l-immigranti li jaslu bil-baħar jinżammu immedjatament fi kwarantina għal 14-il jum u jiġu ttestjati. L-immigranti li nstabu li huma pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament f’Ħal Far Initial Reception Centre u l-bqija se jibqgħu fi kwarantina u jiġu segwiti,” qal il-Ministeru għas-Saħħa.

Illum fin-12.30pm il-Ministeru kien ħabbar li f’Malta kien hemm seba’ każi ġodda tal-COVID-19.