65,000 wieġbu għall-Kwestjorarju tal-Vatikan qabel is-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ

Bejn Ġunju u Ottubru kien hemm 65,000 li wieġbu  għall-kwestjonarju tal-Vatikan bi preparazzjoni għas-Sinodu dwar iż-żgħażagħ li mistenni jsir bħal dan iż-żmien sena.
Fl-14 ta’ Ġunju li għadda l-Vatikan nieda kwestjonarju elettroniku għal żgħażagħ fl-eta’ bejn is-16 u d-29 sena minn madwar id-dinja kollha fil-perspettiva tas-Sinodu dwar “Żgħażagħ, Fidi u Dixxerniment Vokazzjonali” li se jsir f’Ruma s-sena d-dieħla.
Din kienet inizjattiva bla preċedent ta’ kif il-Vatikan jikkonsulta u saret filwaqt li l-Vatikan qed jirċievi wkoll kontribuzzjonijiet mill-Konferenzi Episkopali kollha dwar l-istess suġġett. Il-kwestjonarju kien miftuħ għal żgħażagħ mid-dinja kollha irrispettivament mit-twemmin reliġjuż tagħhom.
Il-kwstjonarju għalaq xahar ilu u l-Kardinal Lorenzo Baldisseri li hu s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu ta’ xi dettalji dwaru. 148,247 persuna żaru s-sit elettroniku tal-kwestjonarju. 65,000 irrispondew b’mod sħiħ. Kien hemm ukoll 3,000 persuna li taw l-indirizz elettroniku tagħhom u talbu biex jinżammu aġġornati dwar is-Sinodu.
Madankollu kien hemm min ikkritika l-mod kif sar il-kwestjonarju u sostna li n-numru ta’ dawk li wieġbu hu żgħir komparat mat-2.5 miljun li attendew għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fi Krakovja fis-sajf tal-2016.
Uħud semmew il-komunikazzjoni ħażina ta’ pajjiżhom mas-sit elettorniku tal-kwestjonarju. Oħrajn semmew il-kwestjoni tal-lingwa li wkoll illimitat ir-risposti. Per eżempju l-kwestjonarju ma kienx tradott filĠermaniż u f’lingwi importanti oħra. Oħrajn qalu li l-kwestjonarju kien twil ħafna u xorta ma kopriex suġġetti li jinteressaw liż-żgħażagħ.  Min-naħa l-oħra kien hemm min wera l-apprzzament tiegħu li ż-żgħażagħ ingħataw l-ispazju biex juru l-fehmiet tagħhom dwar affarijiet li jolqtuhom mill-qrib.
Il-Kardinal Baldisseri qal li l-kontribut taż-żgħażagħ hu essenzjali għall-konklużjonijiet tas-Sinodu li għandhom ikunu jikkorrispondu mar-realtajiet tal-Knisja u tas-soċjeta’. “Mingħajr dan il-kontribut inkunu qed nirriskjaw li noħolqu kastell sabih fl-arja li jkun bla siwi għax iż-żgħażagħ ma jsibuħx”, sostna l-Kardinal.