64% tal-Maltin kuntenti li Malta daħlet fl-UE

64% tal-Maltin jaħsbu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE) kienet xi ħaġa tajba li bbenefika minna l-pajjiż. Din iċ-ċifra hi 7% aktar mill-medja li ġiet irreġistrata maċ-ċittadini Ewropej kollha.
Dawn iċ-ċifri ngħataw minn stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar l-Unjoni Ewropea. Iċ-ċifri milħuqa jqarrbu għal dawk li kienu ġew irreġistrati fl-2007, qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja.
Minkejja dan, meta mistoqsija x’inhuma l-akbar tħassib kurrenti, 85% tal-maltin qalu li l-UE missha tagħmel aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni. It-terroriżmu jsegwi bi 83%, imbagħad il-qgħad bi 78% u l-frodi fiskali b’75%.
L-istudju jkompli billi jħares lejn kemm iċ-ċittadini jaħsbu li l-vuċi tagħhom hi mismugħa fl-UE.
F’dan ir-rigward, 79% tal-Maltin jemmnu li l-vuċi ta’ Malta hi stmata fl-UE, żieda ta’ tliet punti perċentwali mis-sena l-oħra u 13% aktar mill-medja Ewropea. Fl-istess ħin, 47% tal-Maltin jemmnu li leħinhom jinstema’ u l-UE tisma’ l-preokkupazzjonijiet tagħhom, b’62% minn dawn jgħidu li jinteressahom fl-affarijiet Ewropej.
Dwar il-Brexit, 75% tal-Maltin jemmnu li Malta tkun f’pożizzjoni aktar b’saħħitha jekk taġixxi b’mod konġunt ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Filwaqt li 75% tal-Maltin huma mħassba dwar Donald Trump, jixtiequ li Malta tieħu azzjoni konġunta flimkien mal-Unjoni.
F’kummenti li ta, il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, sostna li huma l-politiċi li jridu juru lill-poplu li għandu raġun għal dan it-tħassib jew sentimenti.