64% tal-barranin f’Malta ma jaħsbux li l-Maltin huma ospitabbli ħafna – rapport

Instab li 64% tal-barranin li jgħixu Malta ma jaħsbux li l-Maltin huma ospitabbli ħafna skont ir-rapport The Expat Insider 2018.

Malta waqgħet 19-il post fl-indiċi tal-kwalità tal-ħajja skont ir-rapport u kklassifikat fit-38 post minn 68 pajjiż.

L-informazzjoni nġabret bejn il-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu tal-2018 u kienet ingħatat promozzjoni mis-sit tal-InterNations. L-istudju huwa bbażat fuq 5 indiċi – il-kwalità tal-ħajja, il-faċilità li biha wieħed jibda jgħix fil-pajjiż, il-ħidma barra mill-pajjiż, il-ħajja familjari, u finanzi personali.

Malta ġiet ikklassifikata bħala “l-akbar telliefa” fl-inċidi tal-kwalità tal-ħajja hekk kif niżlet 19-il post minn wara l-2017. Filwaqt li l-klima u t-temp ta’ Malta attiraw punti tajbin, ħafna mill-barranin jgħixu f’Malta ma kienux impressjonati bl-opportunitajiet soċjali u tad-divertiment li sabu.

“Il-korruzzjoni tidher endemika fil-livelli kollha tas-soċjetà Maltija” – cittadin mir-Renju Unit

Ċittadin mir-Renju Unit qal li l-korruzzjoni tidher endemika fil-livelli kollha tas-soċjetà Maltija. Instab li 56% minn dawk li ħadu sehem fl-istudju taw riżultat pożittiv lill-istabbilità politika f’Malta. Il-medja globali kienet dik ta’ 63%.

L-istudju sab li 18% tal-barranin li kienu qed jgħixu Malta ma kienux kuntenti bin-nuqqas ta’ paċi. Instab li 87% kienu kuntenti bil-livell tas-sigurtà personali tagħhom f’Malta.

Persuna mill-Portugal li tgħix Malta qalet li hemm attitudni ġenerali kontra l-barranin f’Malta u li jista’ jkun diffiċli li tissoċjalza man-nies lokali. 36% qalu li jikkunsidraw il-popolazzjoni Maltija bħala ospitabbli ħafna.

Fl-istudju ħadu sehem 18,135 barranin li jirrappreżentaw 178 nazzjonalità li jgħixu f’187 pajjiż jew territorju.