64 atturi Maltin fis-sensiela L-Ispettur

Għall-iskeda tal-ħarifa TVM se jkun qed ixandar is-sensiela L-Ispettur ibbażata fuq it-triloġija ta’ L-Ispettur Bonnici li minn produzzjoni fit-teatru ġiet żviluppata għal ktieb u issa għal serje televiżiva f’10 puntati.

Oriġinarjament din is-sensiela kienet maħsuba li tixxandar f’April u ġiet posposta għal Ottubru mill-iskeda tal-ħarifa u tixxandar minn data li titħabbar dalwaqt.

Minn informazzjoni li ksibna, din is-sensiela li diġà qed tqajjem ħafna interess, għandha cast ta’ atturi mill-aqwa, b’kollox 64 atturi li se jkunu qed jagħtu l-ħajja lill-karattri li ħoloq Mario Philip Azzopardi.

Mario Micallef se jinterpreta mill-ġdid il-parti ta’ l-ispettur Salvu Bonnici, karattru li huwa interpreta b’suċċess fit-tlett produzzjonijiet li ttellgħu fit-teatru Manoel. Dawn kienu Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispettur Bonnici, L-Għerf u l-Glorja tal-Ispettur Bonnici, u Ave Marija għall-Ispettur Bonnici .

Monica Attard se tinterpreta mill-ġdid lil martu Karmen.

Magħhom se jingħaqdu bosta atturi oħra, uħud li rajniehom fil-produzzjoni teatrali u oħrajn li daħlu fil-karattri ewlenin f’dan l-addattament televiżiv.

Ma’ Mario Micallef u Monica Attard se nkunu qed naraw lil Lara Azzopardi, Vince Micallef Pule, Marvic Cordina, Narcy Calamatta, Frida Cauchi, Claudia Mizzi, Jurgen Ciantar, Fabrizio Fenech, Ray Abdilla, Ramona Mamo DeGiovanni, Maria Laura Fenech, Charles Sammut u Clint Chircop, fost ħafna oħrajn.