630 persuna tressqu l-qorti b’rabta ma’ prostituzzjoni fi tmien snin

Madwar 630 persuna tressqu l-qorti fl-aħħar tmien snin fuq akkużi marbuta mal-prostituzzjoni.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela fi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Laburista Silvio Schembri.
Abela fisser li bejn Jannar 2008 u Settembru 2015 kien hemm 588 persuna li tressqet il-qorti fuq tlajjar għall-skop ta’ prostituzzjoni u 44 persuna tressqu l-qorti fuq akkużi li għexu minn qliegħ ta' prostituzzjoni.
L-etajiet ta’ dawk involuti f’każi ta’ tlajjar kienu jvarjaw bejn it-13-il sena u l-64 sena w ingħataw pieni li jvarjaw minn priġunerija u sentenzi sospiżi, għal probation, libertà kundizzjonata, multi u ċanfir u twiddib. Il-lokalitajiet li dawn inqabdu jitlajjaw kienu l-Gżira, il-Marsa, l-Imsida, ir-Raħal Ġdid, tas-Sliema, f’Ta’ Xbiex u f’Marsalforn, Għawdex.
Persuna minn kull erbgħa akkużata li għexet minn fuq qliegħ ta’ prostituzzjoni kienet ta’ nazzjonalità barranija.
Abela spjega li l-maġġġoranza tal-każi fir-rigward ta’ akkużi marbuta ma' qliegħ minn prostituzzjoni, għadhom pendenti. Fost is-17 misjuba ħatja s’issa l-pieni varjaw minn priġunerija, sentenza sospiża, konfiska, ordni ta’ protezzjoni,  probation u multi.