63 każ ġdid tal-coronavirus f’Malta

swabbing center

Read in English.

Matul il-jum tal-bieraħ instabu total ta’ 63 każi ġodda tal-coronavirus fil-pajjiż. Dan ħareġ fl-infografika tal-jum maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa.

Ilbieraħ, Malta rrappurtat 72 każ ġdid tal-coronavirus – l-ogħla rata ta’ żieda ta’ każi f’jum wieħed miż-żmien meta bdiet il-pandemija.

In-numru ta’ każi attivi fil-pajjiż bħalissa huma ta’ 534. Intant, kien hemm 11-il pazjenti li fiqu mill-virus.

10 mill-każi tal-bieraħ huma relatati mal-cluster ta’ Paceville, seba’ huma membri tal-familja ta’ każi rrappurtati qabel, disa’ kienu kuntatti diretti ta’ każi attivi, sitta kienu kollegi ta’ każi pożittivi preċedenti, u erba’ kienu każi impurtati.

B’kollox, fi żmien 24 siegħa saru total ta’ 2,142 swab test, biex b’hekk l-ammont globali ta’ swab tests fil-pajjiż tela’ għal 156,664.

Intant, propju kif qal il-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni llum, l-istatistika pprovduta ma tinkludix l-immigranti li hawn pożittivi fil-pajjiż. Dan ladarba malli waslu Malta tpoġġew immedjatament fi kwarantina.