63,500 vot x’jinġabru…5 ijiem qabel l-elezzjoni u r-referendum

Mil-lum kull min għadu ma ġabarx id-dokument tal-vot jista’ jiġbru mill-uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali: Mill-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat Għawdex.
Għad fadal 63,496 vot x’jinġabru hekk kif illum bdiet l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa ta' nhar is-Sibt li ġej.
Għall-Kunsilli Lokali se jivvutaw 26 lokalità f’Malta u tmienja f’Għawdex.
Is-Sibt li għadda saru l-votazzjonijiet għal dawk li f'jum l-elezzjoni se jkunu msiefra jew rikoverati fl-isptar.
Dakinhar ġew sospiżi għaxar Assistenti Kummissjonarji mill-Kummissjoni Elettorali, wara li persuna li ma kellhiex dritt tivvota kmieni tħalliet tivvota fid-dar residenzjali ta’ Sa Maison.