624 impjieg ġdid mill-investiment tal-Malta Enterprise

Rekord ta’ 53 proġett b’investiment barrani ġdid kienu approvati mill-Malta Enterprise f’perjodu ta’ tlettax-il xahar, bl-investimenti mistennija jwasslu għal 624 impjieg ġdid.
36 proġett minnhom kienu approvati fl-aħħar seba’ xhur tas-sena li għaddiet, filwaqt li 17 oħra kienu approvati fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Il-Malta Enterprise qalet li dawn iċ-ċifri jikkuntrastaw ma’ dak li seħħ fl-aħħar snin. Intqal li fl-2010 u fl-2012 kienu approvati biss żewġ proġetti ġodda kull sena, filwaqt li fl-2011, 11-il proġett kienu approvati.
Intqal ukoll li f’April 2010, l-eks chairman tal-Malta Enterprise Alan Camilleri kien impjega persuna mingħajr sejħa pubblika biex jippromwovi l-investiment Malti fiċ-Ċina, iżda minkejja li l-kuntratt kien ta’ tliet snin, il-persuna li ngħatat l-impjieg, irriżenjat wara sentejn.
Il-Malta Enterprise mistennija żżid il-programmi ta’ promozzjoni ta’ investiment attiv li diġa għandha fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u f’diversi bliet fl-Unjoni Ewropea fost l-oħrajn.