62 tfittxija f’bagalja kuljum

F’Jannar li għadda, id-Dwana għamlet 1,908 tfittxija f’bagalji tal-passiġġieri, ekwivalenti għal 62 kuljum. 
Fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu matul ix-xahar li għadda.
Isemmi fost l-oħrajn li saru 28 spezzjoni fi ħwienet madwar Malta u erba’ tfittxijiet fuq bejjiegħa fi swieq miftuħa. Minn dawn it-tfittxijiet ġew miżmuma 36,000 sigarett u 7.37 kilogrammi tabakk tal-kuntrabandu, kif ukoll 63 flixkun inbejjed u alkoħol.
Saru 182 spezzjoni fuq vetturi, trakkijiet, jew trailers mal-wasla tagħhom minn Sqallija, fejn fi 23 każ minnhom, il-merkanzija li kienu qed iġorru ġiet riferuta lid-Direttorat tas-Sisa.
Id-Dwana wettqet ukoll 25 spezzjoni biex jiġi kkontrollat kull moviment il jista’ jwassal għal kuntrabandu tad-diesel.
285 spezzjoni saru fl-ajruport għal flus mhux dikjarati. 7 tfittxijiet oħra saru mal-Pulizija u l-Ispetturi tal-VAT.
Id-Dwana użat id-diversi mezzi ta’ scanning għal 14,940 darba.
Id-Dipartiment tad-Dwana jappella għall-għajnuna tal-pubbliku biex f’każ ta’ suspett dwar kuntrabandu jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.