​62 inċident bi żwiemel mill-2004

Bejn l-2004 u s-sena li għaddiet kien hemm 62 inċident irrappurtat lill-Pulizija li kienu jinvolvu żwiemel fit-toroq Maltin.
Minn dawn l-inċidenti, kien hemm 35 żiemel li jew weġġa’ jew miet kaġun tal-inċident.
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal dan fit-tweġiba tiegħu fil-Parlament għall-Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
L-iktar sena li fiha saru inċidenti bl-involviment ta’ żiemel kienet is-sena li għaddiet meta kien hemm 12-il inċident.
L-inqas kien fl-2012, b’inċident wieħed biss.
L-istatistika mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra uriet ukoll li iktar minn nofs iż-żwiemel li weġġgħu jew mietu matul is-snin, kellhom inċident fl-aħħar sentejn.
Fil-fatt, waqt li s-sena li għaddiet kien hemm sebat iżwiemel li sfaw vittmi ta’ inċident, fl-2013 dawn kienu jgħoddu 12-il żiemel fosthom sitt iżwiemel li kellhom inċident ma’ erba’ vetturi fl-Imdina.
Matul il-bqija tas-snin li għalihom ingħatat informazzjoni, l-għadd ta’ żwiemel li sfaw vittmi ta’ inċidenti fit-toroq kienu jvarjaw minn xejn fl-2012 għal ħamsa fl-2008.