62 immigrant f’periklu; Alarm Phone b’appell lil Malta u l-Italja

Read in English.

62 immigrant jinsabu f’periklu, allegatament fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

Dan ħabbritu Alarm Phone fuq Twitter, li qalet li 62 immigrant ħarbu mil-Libja u fosthom hemm 13-il mara u sitt itfal.

Alarm Phone ħadet ħsieb tinforma lill-Forzi Armati ta’ Malta, iżda qalet li baqgħet bla tweġiba. Spjegat li kemm hi, kif ukoll in-nies li jinsabu bejn sema u ilma ppruvaw jikkuntattjaw lill-Maltin, iżda ma rċivewx tweġiba, la bit-telefown u lanqas b’email.

Fuq Twitter, l-għaqda kitbet li l-pożizzjoni tad-dgħajsa tissuġġerixxi li din intlemħet minn ajruplan ta’ Frontex ilbieraħ waranofsinhar. Jekk dan hu minnu, dan ikun ifisser li l-awtoritajiet Ewropej ilhom jafu biha sigħat sħaħ.

Dalgħodu Alarm Phone qalet li l-aħħar kuntatt tagħha mal-immigranti kien fl-4.22am. Appellat lill-Italja u lil Malta biex jgħinuhom u jsalvawhom, peress li qegħdin fiż-żona ta’ salvataġġ taż-żewġ pajjiżi.

Fl-appell tagħha, Alarm Phone talbet lill-awtoritajiet biex dawn il-persuni ma jitħallewx jegħrqu jew imutu bil-ġuħ kif ġara bi grupp ieħor ta’ immigranti ġimagħtejn ilu.

Il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni li mhuwiex se jaċċetta iżjed immigranti minħabba li r-riżorsi kollha bħalissa qegħdin jintużaw fil-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus. 12-il persuna li kienu f’nofs ta’ baħar tilfu ħajjithom.

Infetħet inkjesta fuq 11-il uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi u l-Prim Ministru Robert Abela wara żewġ denunzji mill-għaqda Repubblika talli allegatament dawn għamlu xi ħsara lil dgħajsa bl-immigranti li kienet bejn sema u ilma.

Għadd ta’ persuni, għaqdiet, u saħansitra l-Isqfijiet Maltin u Ewropej appellaw lill-Gvern sabiex jissalvaw l-immigranti. Bosta nies urew il-fehma li l-ewwel għandhom jiġu salvati l-ħajjiet f’periklu, u mbagħad wara Malta għandha tiddiskuti mal-Unjoni Ewropea kif l-immigranti jistgħu jitqassmu fil-pajjiżi Ewropej, sabiex Malta ma terfax ir-responsabbiltà waħedha.

Xi wħud offrew li kieku, jilqgħu l-immigranti f’darhom.

Waħda mill-voluntiera ma’ Alarm Phone s-Sibt li għadda qalet fuq 103 Malta’s Heart li xogħolhom jagħmluh biex jimlew il-lakuna li jħallu l-awtoritajiet, meta dawn ma jgħinux lill-immigranti li jkunu f’periklu fil-baħar.