615-il ilment quddiem l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji

Bejn Ġunju 2016 u Marzu 2017, l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji irċieva 615-il ilment.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Mario DeMarco.
L-Arbitru beda jirċievi l-ilmenti mill-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju 2016, u sa Diċembru 2016 kienu daħlu quddiemu 564 ilment.
Scicluna fisser li 80% tal-każijiet li tressqu fl-2016 inġabru f’każ wieħed peress li l-mertu hu identiku.
Il-Ministru għall-Finanzi qal ukoll li 13-il każ ġew riżolti permezz tal-medjazzjoni waqt li 20 każ ieħor ġew deċiżi wara li s-sottomissjonijiet dwarhom instemgħu mill-Arbitru.
Biex wieħed iressaq ilment quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, irid iħallas tariffa ta’ €25, liema ħlas jingħata kollu lura jekk min jagħmel l-ilment jiddeċiedi li jirtirah jew jekk il-partijiet involuti jilħqu ftehim bejniethom dwar l-ilment.