61 uffiċjal ġdid mal-Protezzjoni Ċivili wara 16-il sena

61 uffiċjal ġdid bdew il-karriera tagħhom fit-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili, wara li ngħataw taħriġ intensiv f’dawn l-aħħar 13-il ġimgħa.
It-Taqsima kienet ilha 16-il sena ma tingaġġa uffiċjali ġodda.
Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li fiż-żmien qrib, dawn il-membri se jgawdu mid-dritt li jirtiraw wara 25 sena servizz u jirċievu l-pensjoni. 
Żied jgħid li b’hekk, għall-ewwel darba, dawn il-membri se jkunu ugwali daqs korpi oħra u mhux se jkomplu jsofru minn anomaliji fil-kundizzjonijiet.
Il-Ministru semma kif b’investiment ta’ madwar €8 miljun fuq pjan ta’ ħames snin, il-flotta ta’ vetturi eżistenti diġà bdiet tinbidel.
Qal li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jaslu 10 fire-engines ġodda b’investiment ta’ €1.5 miljun.
Carmelo Abela rrefera għall-istatistika li turi li bejn Ġunju u Settembru tal-2014, kien hemm madwar 2,400 każ li jammonta kważi nofs tal-5,000 sejħa, li kien hemm għall-għajnuna s-sena li għaddiet.
Ritratti: DOI  – Clodgah Farrugia O'Neill