61% tal-Maltin inkwetati dwar l-immigrazzjoni

Kważi żewġ terżi tal-Maltin huma inkwetati dwaru l-immigrazzjoni. Skont stħarriġ tal-Eurobarometer għall-Ħarifa tal-2018, 61% tal-Maltin tinkwethom l-immigrazzjoni.

40% tal-Ewropej jaraw l-immigrazzjoni bħala waħda mill-affarijiet l-aktar ta’ inkwiet għat-28 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Malta hija t-tieni fil-klassifika, filwaqt li fl-ewwel post hemm l-Estonja b’65% tal-popolazzjoni.

It-tieni l-akbar inkwiet għall-Maltin fuq livell nazzjonali huwa l-housing b’29%, sigwit mill-ambjent, klima u l-enerġija bi 28%. Min-naħa l-oħra, fuq livell Ewropew il-Maltin huma l-aktar inkwetati dwar it-terroriżmu (27%) u l-kriminalità (18%). L-istħarriġ ħareġ li l-Maltin ma tantx huma inkwetati bil-pensjonijiet, it-taxxi u l-enerġija.

82% tal-Maltin iħossu li huma ċittadini Ewropej

82% tal-Maltin iħossuhom ċittadini Ewropej. Dan ir-riżultat jidher li ma varax ħafna meta kkumparat mal-istudju li sar fir-Rebbiegħa tal-2018.

L-istħarriġ tal-Eurobarometer seħħ bejn it-8 u 22 ta’ Novembru f’34 pajjiż u territorji. Dan kien jinkludi t-28 Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ħames pajjiżi kandidati: il-Maċedonja, it-Turkija, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija. Magħhom kien hemm ukoll il-Komunità Ċiprijotta Torka.