61 proposta għall-politika dwar iż-żgħażagħ

Ġew sottomessi 61 proposta dwar il-politika għaż-żgħażagħ għall-10 snin li ġejjin, bħala parti minn perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika li tmexxa minn Aġenzija Żgħażagħ.

Dawn is-sottomissjonijiet inġabru hekk kif fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla mistennija titnieda l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2021-2030 bl-isem ‘Towards 2030’. Il-pass li jmiss hu t-tħejjija tad-dokument finali li se jkun imsejjes fuq dak li ħareġ mill-proċess tal-konsultazzjoni pubblika.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon għar-rispons qawwi li kien hemm tul il-perjodu ta’ diskussjoni u li fih ħadu sehem diversi organizzazzjonijiet volontarji, politiċi u tal-Knisja li jaħdmu fost iż-żgħażagħ.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Clifton Grima qal li permezz ta’ Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, qegħdin jaraw li jistabbilixxu politika li tkun fattibbli u realistika.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li din kienet konsultazzjoni pubblika differenti minn tas-soltu hekk kif inħolqot pjattaforma diġitali fejn iż-żgħażagħ setgħu jħallu l-kummenti tagħhom. Żiedet tgħid li l-messaġġi kollha li waslu se jkunu qed jintużaw għall-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ li se titnieda s-sena dieħla.

Din il-konsultazzjoni pubblika saret wara li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, wera d-diżappunt dwar ir-reshuffle tal-kabinett li ħabbar il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu minħabba li fl-aħħar reshuffle, “iż-żgħażagħ tħallew mingħajr kuntatt speċifiku fil-Kabinett”.