61 mejta u 350,000 evakwati fiċ-Ċina

REUTERS/Stringer

61 persuna mietu u 356,000 oħra ġew evakwati minn djarhom kawża ta’ xita qawwija u għargħar f’żoni fin-Nofsinhar u ċ-ċentru taċ-Ċina din il-Ġimgħa. Dan ġie rrappurtat mill-awtoritajiet tas-salvataġġ.

F’notifika ppubblikata tard ilbieraħ, il-Ministeru għall-Immaniġjar tal-Emerġenzi fiċ-Ċina qal li 9,300 dar iġġarrfu u 3,710 kilometru kwadru ta’ art agrikola ġarrbet ħsarat waqt l-għargħar. Dan kollu kkawża telf ta’ madwar €2 biljuni għall-ekonomija Ċiniża.

Il-Ministeru qal li aktar minn 4,300 persuna ġew salvati wara li ġew imkaxkra mill-għargħar.

Matul is-sajf, iċ-Ċina tgħaddi minn perjodu ta’ nixfa fit-Tramuntana u għargħar fin-Nofsinhar. Il-Ministeru għall-Emerġenzi avża li r-reġjuni tat-Tramuntana mistennija jaffaċjaw livelli aktar baxxi ta’ xita din is-sena, filwaqt li xita qawwija mistennija żżid ir-riskju ta’ għargħar fix-xmara s-Safra.