​61% inqas ħin ta’ qtugħ fid-dawl

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li l-ħin ta’ qtugħ tal-provvista tal-elettriku għall-klijenti naqas b’61%, meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel beda l-investiment fl-2013.
Bi tweġiba għall-mistoqsija tad-deputat tal-PN Jean Pierre Debono, il-Ministru Mizzi spjega li matul dawn l-aħħar erba’ snin il-kumpanija Enemalta investiet mal-€100 miljun biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku billi żżid il-konnessjonijiet għal aktar flessibilità, tilqa’ għaż-żieda fid-domanda u tibdel apparat antik li kien ilu ma jinbidel għaxieren ta’ snin.
Mistoqsi dwar meta se tiddaħħal in-night tariff, il-Ministru wieġeb li l-proposta tan-night tariff twarrbet meta t-tariffi tal-elettriku f’Malta raħsu b’25%, mhux biss bil-lejl, iżda 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.