Ritratti: 59 immigrant jiddaħħlu Malta

59 immigrant iddaħħlu Malta tul il-lejl li għadda.

Il-lejl li għadda, f’12.10am il-Forzi Armati ta’ Malta daħħlet dawn l-immigranti f’Haywharf.

L-immigranti kienu kollha rġiel; 50 minnhom adult u 9 subien. Ħadd minnhom ma ttieħed l-isptar u kollha dehru f’qagħda tajba.

Dan wara li l-Forzi Armati ta’ Malta ħarġu stqarrija lbieraħ waranofsinhar li kien hemm dgħajsa f’diffikultà 71 mil nawtiku ’l bogħod minn Malta. Dgħajsa tal-FAM marret fuq il-post fejn salvat l-immigranti kollha.

Aktar kmieni s-Sibt, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħabbar li se tkun qed issir ħidma ta’ salvataġġ ma’ dgħajsa tal-immigranti li tinsab f’diffikultà, bil-mutur ma jaħdimx u persuna li ntilfet minn sensiha.

Fuq Twitter, il-Ministru għall-Intern Matteo Salvini nibex lil Malta u staqsa jekk Malta hix beħsiebha tibgħathom l-Italja. Kurt Farrugia, kelliem għall-Prim Ministru wieġbu u qallu li Malta se tagħmel il-parti tagħha u ssalvahom. Il-Prim Ministru xerred it-Tweet ta’ Farrugia.