Fitch ikkonfermat rating ta’ A+ lil Malta

L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli.

Fi stqarrija, l-Gvern Malti qal li dan seħħ minkejja l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ diversi pajjiżi.

Kemm l-Italja kif ukoll ir-Renju Unit ingħataw downgrade minn Fitch u din l-aġenzija tat prospetti negattivi lill-Belġju, lil Franza u lir-Rumanija.

Il-Gvern qal li l-esperti ta’ Fitch Ratings taw fiduċja lil Malta għax sostnew li hija, “Fitch’s expectation that GDP growth will recover and the budget deficit narrow in 2021 and 2022”.

Fitch qed tantiċipa li l-Linja Nazzjonali tal-Arju Air Malta se tħalli toqba ta’ €200 miljun kif ukoll l-possibiltà li l-Unjoni Ewropea twaqqaf l-iskema tal-IIP, li tneħħi qligħ ta’ €100 miljun jew 0.8 fil-mija tal-GDP.

Aktar importanti minn hekk ir-rapport jistqarr, “We expect a stronger recovery, with GDP growth at 5.4% in 2021 and 3.9% in 2022 (previously 4.1% and 3.5%, respectively)”.

Il-Gvern qal li r-rapport jikkonferma li fejn tidħol kwalità ta’ governanza, pajjiżna huwa, “At par with A-rated median”.

Ir-rapport jirrikonoxxi r-riforma li qabdet ir-ritmu taħt il-Prim Ministru Robert Abela iżda jgħid ukoll li l-allegazzjonijiet li jingħadu fil-kuntest tal-assassinju tal-ġurmalista Daphne Caruana Galizia fl-inkjesta pubblika qed iħallu l-effett tagħhom fuq il-governanza.