604 immigranti f’ċentri miftuħa

Fi tmiem is-sena li għaddiet, kien hemm 604 immigrant jgħixu f’ċentri miftuħa.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonniċi.
Tnejn minn kull ħamsa jgħixu fi propjetà tal-Kummissjoni Emigranti: 167 f’appartamenti li din il-kummissjoni għandha f’lokalitajiet differenti waqt li 98 ġewa ċ-ċentru tal-Kummissjoni f’Ħal Balzan.
Kien hemm ukoll 216 immigrant jgħixu fiċ-ċentri miftuħa ta’ Ħal Far: iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far kien jospità 146 imigrant waqt li t-tent village fl-istess lokalità kien jospità 70 immigrant. F’Ħal Far ukoll il-Laboratorju tal-Paċi jospità 37 imigrant.  Kien hemm 20 immigrant f’ reġistrazzjonijiet fil-komunità waqt li sitta jgħixu f’Dar il-Liedna.
L-ikbar numru ta’ immigranti, 170, kienu mill-Etjopja. Immigranti mill-Eritrea segwew fit-tieni post b’mitt immigrant. Immigranti oħra kienu jinkludu 63 persuna mis-Somalja, 47 mil-Libja, u 46 min-Nigeria u daqstant mill-Mali. Kien hemm ukoll immigranti minn 28 pajjiż ieħor.