1,608 rapporti ta’ serqiet s’issa fl-2020

Mill-bidu tal-2020 sal-lum saru 1,608 serqiet, l-aktar minnhom mill-karozzi u mill-uffiċċji.

Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fil-Parlament, meta mistoqsi mid-Deputat Jason Azzopardi, li staqsa kemm kien hemm każiijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mill-2018 sal-lum, u x’tip ta’ serq ġie rrapportat.

Il-Ministru ppreżenta l-istatistika fil-Kamra tad-Deputati, li turi li l-aktar serq li sar fl-ewwel erba’ xhur tal-2020 kien minn ġol-karozzi (293 serqa) u mill-uffiċċji (173 serqa). Wara dawn, kien hemm 152 serqa mill-karozzi minn barra, u 121 serqa minn ġor-residenzi okkupati.

Il-pandemija kif affettwat is-serq?

F’Marzu ta’ din is-sena, meta faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus f’Malta u n-nies bdew jibqgħu d-dar, xorta sar ammont konsiderevoli ta’ serq, b’total ta’ 238 serqa. F’April is-serqiet naqsu għal 183.

Minkejja li s-serq naqas f’dawn ix-xhur, żdied is-serq f’postijiet differenti, pereżempju mis-siti tal-kostruzzjoni, fejn f’Marzu kien hemm 34 serqa u f’April saru 31 serqa. Fuq ġewwa tar-residenti, avolja n-nies kienu d-dar, saru 31 serqa f’Marzu u 22 serqa f’April.

Minn barra l-ħwienet saru 24 serqa f’Marzu u 22 serqa f’April, filwaqt li f’Marzu saru 21 serqa minn ġol-ħwienet u seba’ serqiet f’April.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt l-Ispettur Elliot Magro li jmexxi t-Taqsima tal-ALE rrimarka li ġie nnutat serq f’postijiet oħra, fost l-oħrajn f’siti tal-kostruzzjoni, fi kmamar fl-għelieqi u minn postijiet li bħalissa jinsabu vojta għax jintużaw għall-villaġġjatura. Spikka wkoll serq fuq delivery persons.

Fl-2018 u fl-2019 l-aktar serq komuni kien dak minn fuq in-nies stess, li fl-2018 saru 1,149 rapport tiegħu u fl-2019 819. Dan naqas drastikament din is-sena minħabba ċ-ċirkostanzi, billi s’issa saru 98 reat ta’ din ix-xorta. Is-serq minn ġol-karozzi wkoll kien komuni b’777 serqa fl-2018 u 1,290 serqa fl-2019.

L-aktar xahar li ra serq mill-2018 sa din is-sena kien Marzu b’1,433 serqa. L-inqas xahar li sar serq fih kien Novembru b’938 serqa tul dawn l-aħħar tliet snin.

Mistoqsi wkoll dwar in-numru ta’ nies li tressqu l-qorti, il-Ministru qal li dawn il-figuri mhumiex aċċessibbli fis-sistema elettronika tal-pulizija.