Iktar minn 6,000 vettura aktar fit-toroq

Fl-aħħar kwart tas-sena 2019, fil-Gżejjer Maltin żdiedu 6,154 liċenzja ta’ vetturi ġodda fit-toroq. 67.7% huma karozzi tal-passiġġieri filwaqt li 16.2% huma muturi.

40.9% tal-vetturi liċenzjati bil-mutur huma ġodda filwaqt li 3,635 vettura kienu diġà użati. Dan ifisser li fl-aħħar kwart tal-2019, kien hemm medja ta’ 67 vettura ġdida kuljum.

Matul l-2019, kien hawn total ta’ 26,799 vettura ġdida fit-toroq Maltin bl-akbar ammont huwa ta’ 18,890 vettura tal-passiġġieri u 3,767 muturi jew e-bicycle, l-inqas ammont reġistrat huwa ta’ 46 xarabank.

Matul l-aħħar kwart tas-sena li għaddiet 6,941 vettura ġew irtirati mit-toroq Maltin. 35% minnhom ġew iggaraxxjati filwaqt li 34.2% reġgħu inbiegħu. 28.8% ġew skrapjati.

F’Malta sal-aħħar tal-2019 kien hawn 397,508 vettura reġistrata. Minn dawn il-vetturi 236,892 vettura jaħdmu permezz tal-petrol, 38.9% jaħdmu bid-diżil filwaqt li vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew hybrid jammontaw għal 1.1%. Meta kkumparat mas-sena li għaddiet il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku, bil-hybrid/diżil jew hybrid/petrol żdiedu 147.6%.