“6,000 persuna f’Malta bil-Bipolar”

Madwar 6,000 persuna f’Malta jbatu bil-kundizzjoni mentali tal-Bipolar, li tfisser li wieħed jagħmel perjodu fejn jibda jara kollox kbir u sabiħ, imsejjaħ bħala mania jew inkella perjodu fejn jibda jara kollox ikrah u jaqa’ f’dipressjoni.

Dan qalu l-fundatur ta’ Be Positive – Bipolar Self-help, Malta, Albert McCarthy waqt li kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt qabel il-laqgħa li se tkun qed issir illejla.

McCarthy spjega li persuni li jbatu minn din il-marda għandhom sistema ta’ sapport lesta għalihom, u li hija wkoll mingħajr ħlas permezz tal-laqgħat li jsiru darba fix-xahar fSan Anton. Dawk kollha li jattendu jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’post sigur u mingħajr biża’.

Spjega li minkejja li għad m’hawnx riċerka lokali konkreta dwar persuni bipolar, l-għaqda qed tissielet sabiex takkwista l-fondi neċessarji għar-riċerka.

Kompla billi spjega li bħalissa wieħed minn kull erba’ persuni fid-dinja, jiġifieri propju 25% tal-popolazzjoni dinjija, xi darba f’ħajtu se jispiċċa jsofri minn xi kundizzjoni mentali, liema ċifra sostna li se tiżdied għal wieħed minn kull tlieta fis-snin li ġejjin.

Jekk inti tbati bil-bipolar, tista’ tattendi għal-laqgħa li se ssir illejla f’San Anton fis-6:30pm. Dawk kollha li se jattendu huma mistennija jieħdu magħhom xi persuna li tgħinhom. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna ta’ Facebook tal-għaqda jew is-sit tagħhom.