6,000 immigrant twaqqfu milli jiġu Malta – Il-Ministru Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li permezz tan-negozjati bejn Malta u l-Libja, minn Marzu ‘l hawn twaqqfu 6,000 immigrant milli jiġu Malta.

F’kitba fuq Facebook, il-Ministru qal li allaħares ma nbnewx relazzjonijiet ġodda bejn iż-żewġ pajjiżi minn Marzu ‘l hawn, għax kieku kienu jaslu Malta aktar minn 8,000 immigrant irregolari.

Bartolo spjega li bejn Marzu u Awwissu ta’ dis-sena, kellna 1,173 immigrant irregolari, b’differenza mit-3,357 immigrant li waslu Malta fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. Skont il-Ministru, fil-Mediterran kollu l-akbar żieda ta’ immigranti irregolari dis-sena kienet mil-Libja u t-Tuneżija, għax kull rotta oħra rat tnaqqis. Fir-rotta tal-Mediterran ċentrali, mil-Libja u t-Tuneżija lejn Malta u l-Italja, għaddew 20,600 persuna dis-sena, tliet darbiet daqskemm għaddew is-sena li għaddiet.

Huwa żied jgħid li jkun qed jaġixxi b’mod irresponsabbli min jgħid li għandhom jidħlu l-immigranti kollha, imbagħad ladarba jkunu hawn isiru negozjati mal-Unjoni Ewropea biex jitqassmu fil-pajjiżi Ewropej. Il-Ministru sostna li lanqas fis-snin passati ma ħaduhom, allura inqas u inqas se jiħduhom din is-sena.

Qal li bejn is-sena 2005 u dis-sena, il-pajjizi l-oħra fl-Unjoni Ewropea ħadu biss tmienja minn kull 100 immigrant li wasal Malta. “Issa hemm inqas rieda li jiħduhom,” żied jgħid il-Ministru.

Il-jum it-tajjeb.Allahares ma bnejniex relazzjonijiet godda mal-Libja minn Marzu ‘l hawn ghax kieku s’issa waslu fostna…

Posted by Evarist Bartolo on Friday, November 6, 2020