600 siegħa xogħol fuq xbieha tal-Madonna ta’ Pinu

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech se jbierek ix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu fil-Velja tal-Għid tal-Assunta, li ħa tinżamm bħal kull sena fl-14 ta’ Awwissu filgħaxija fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex.

Aktar tard f’Settembru, matul il-Pellegrinaġġ immexxi minnu fl-Art Imqaddsa, se titpoġġa fis-Santwarju tat-Tħabbira tal-Mulej fil-belt ta’ Nazaret, fejn diġà hemm bosta xbihat oħra ‘nazzjonali’ tal-Madonna li jirrappreżentaw il-qima mogħtija lil Omm Alla mill-ġnus kollha tad-dinja.

Din ix-xbieha, li bħalissa tinsab esposta għall-qima fl-istess Santwarju Ta’ Pinu, ħadet fuq 600 siegħa biex tinħadem fil-mużajk fiċ-Ċentru tal-Arti Sagra Eikon li d-Djoċesi ta’ Għawdex fetħet xi xhur ilu f’parti mid-dar li ħallielha Mons. Anton Gauci.

Ix-xogħol fuqha sar minn Dun Roberto Gauci, Direttur tal-istess Ċentru, u li s-sena l-oħra kien ħadem flimkien ma’ Padre Rupnik fuq il-Mużajċi tal-Misteri tar-Rużarju fuq iz-Zuntier tal-istess Santwarju Għawdxi.

Flimkien mat-tqegħid ta’ din ix-xbieha, il-Knisja f’Għawdex se tagħmel ukoll ġest ta’ solidarjetà mal-Knisja fl-Art Imqaddsa billi, waqt il-Pellegrinaġġ tax-xahar id-dieħel, l-Isqof ta’ Għawdex f’isimha jippreżenta donazzjoni lill-Patrijiet Franġiskani li huma fdati mill-Knisja bil-ħarsien tas-Santwarji Nsara tal-Art Imqaddsa.

Il-Velja ta’ nhar it-Tlieta 14 ta’ Awwissu se tibda fit-8pm bil-kant u t-talb tas-Salmi li l-Knisja tal-Orjent tinseġ lil Marija Assunta, waqt li se jieħu sehem ukoll b’kant ta’ tifħir lil Marija l-kantant Malti-Awstraljan Joe Apap. Din il-parti taċ-ċelebrazzjoni se titmexxa minn Patri Twanny Chircop ofm, Kummissarju Malti tal-Art Imqaddsa. Wara, l-Isqof Mario Grech imexxi l-Quddiesa tal-Vġili. Min jixtieq, minn wara l-quddiesa fl-10.15pm sa nofsillejl jista’ jibqa’ f’mumenti ta’ adorazzjoni fis-Santwarju. F’nofsillejl imbagħad toħroġ quddiesa oħra.

Min jixtieq jgħin finanzjarjament, kemm biex jinfdew l-ispejjeż tal-mużajk u t-trasport tiegħu lejn Iżrael, u kemm b’riżq din l-għotja li ħa tagħmel il-Knisja fl-Art Imqaddsa, jista’ javviċina lir-Rettur jew xi saċerdot ieħor tas-Santwarju Ta’ Pinu. Il-ġabra li ħa ssir fl-istess Velja wkoll se tmur b’riżq dan il-għan karitatevoli.