600 MPE jivvutaw biex Muscat jirriżenja minnufih

"Umiljanti" - Repubblika

FILE PHOTO: Maltese Prime Minister Joseph Muscat addresses a press conference after an urgent Cabinet meeting at the Auberge de Castille in Valletta, Malta November 29, 2019. REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Read in English.

F’vot li ttieħed illum wara s-sessjoni plenarja tal-bieraħ fil-Parlament Ewropew, il-maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur li l-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja minnufih. Huma qablu li sakemm Muscat jibqa’ fil-kariga, hemm riskju li l-investigazzjonijiet li għaddejjin ikunu kompromessi.

L-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-sitwazzjoni f’Malta kienu fuq quddiem fl-aġenda tas-sessjoni tal-bieraħ fi Strasburgu. 581 MPE vvutaw favur, 26 ivvutaw kontra u 83 astjenew.

Ir-riżoluzzjoni tal-politiċi Ewropej tesprimi dispjaċir li investigazzjonijiet fuq każijiet relatati “ma mxewx ‘il quddiem jew lanqas biss ma nbdew”. Il-Parlament Ewropew wera t-tħassib tiegħu fuq il-qagħda f’Malta, u qal li “L-iżviluppi li saru Malta f’dawn l-aħħar snin wasslu għal theddid serju u persistenti għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-midja, l-indipendenza tal-pulizija u tal-ġudikatura, u l-libertà ta’ għaqda paċifika.”

L-MEP Sven Giegold, li kien parti mill-missjoni Parlamentari li ġiet Malta ftit tal-ġimgħat ilu, qal li kif aġixxa l-Partit Laburista Malti fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa juri li l-Gvern Malti mhux serju meta jgħid li jrid isolvi l-problemi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Parlament talab li l-iskemi ta’ Malta dwar iċ-ċittadinanza u r-residenza tal-investituri jitneħħew, peress li dawn effettivament ibigħu ċ-ċittadinanza tal-UE u jheddu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali u l-integrità taż-żona Schengen.

“Il-vot fil-PE umiljazzjoni għall-pajjiż kollu” – Repubblika

B’reazzjoni għal dan il-vot, Repubblika qalet li dan hu umiljazzjoni għall-pajjiż kollu “li stajna nevitaw li kieku Joseph Muscat irreżenja ħafna ilu.” Skont l-għaqda, “kull jum li jgħaddi b’Joseph Muscat f’Kastilja tkompli tittertaq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

L-għaqda saħqet li kienu l-Parlamentari Ewropej ta’ kull kulur politiku li b’mod unanimu esprimew sfiduċja f’Joseph Muscat. Insistiet li l-Parlament ta’ Malta għandu jitlaqqa’ immedjatament, u l-grupp Laburista fil-maġġoranza għandu jidentifika aġent prim ministru li m’għandux interess jikkontesta t-tmexxija tal-Partit Laburista u jitlob lill-President jaħtru jew jaħtarha Prim Ministru sakemm il-Partit Laburista jagħżel persuna biex tokkupa dak l-irwol fit-tul.

Fil-fehma ta’ Repubblika, dan il-ġest jista’ jiġi ppreżentat bħala rispons “għar-rabja ċara u ġustifikata tal-kunsens politiku Ewropew kollu li Malta m’għandhiex prim ministru denju li jmexxi pajjiż tal-Unjoni Ewropea.”

“Ta’ għajb li l-PM ħammeġ isem Malta”

L-Alternattiva Demokratika qalet li Malta waslet f’dal-punt minħabba s-sistema mnawra fil-pajjiż, sistema ta’ żewġ partiti li “dejjem jagħlqu għajnejhom għall-abbużi tal-hekk imsejħa ‘barunijiet’.” Żiedet tgħid li “l-PLPN dejjem qablilhom li meta jkunu fil-Gvern jaħtfu l-istituzzjonijiet u jkollhom poter assolut,” u saħqet li Joseph Muscat abbuża mill-poter tiegħu bħala Prim Ministru. Iċ-Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo qal li hu ta’ għajb li Muscat ħammeġ isem Malta.

Il-kelliema tal-AD dwar Affarijiet Ewropej Mina Tolu qalu li l-AD tkompli tinsisti fuq il-proposti tagħha għal sistema elettorali proporzjonali u rappreżentattiva, għal Parlament li jiskrutinja l-ħidma tal-gvernijiet u tal-prim ministri, għal sistema ta’ smigħ pubbliku għal ħatriet uffiċjali tal-istat u l-għeluq tal-istazzjonijiet televiżivi tal-partiti.

Bżonn t’approċċ oġġettiv – PL

Il-Partit Laburista qal li l-vot li ttieħed illum fil-Parlament Ewropew dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Malta kien mistenni. Il-MPEs Laburisti qalu iżda li dan mhux se jwaqqafhom milli jiddefendi lil pajjiż fil-Parlament minn dawk li jixtiequ jiskattaw l-Artikolu 7 kontra Malta.

“Sfortunatament, din ir-riżoluzzjoni titkellem dwar theddida sistemika għall-istat tad-dritt mingħajr ma jitqiesu sew ir-riformi li qed isiru. Aħna mħassba li l-kliem magħżul se jservi biss bħala preludju għal dawk li jinsistu fuq li jiskatta l-Artikolu 7 kontra Malta – azzjoni severa kontra l-pajjiż kollu,” qalu l-Membri tal-Parlament Ewropew.

“Qed ninsistu li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi mekkaniżmu tal-istat tad-dritt magħmul minn esperti indipendenti li jimmonitorjaw l-Istati Membri kollha u li x-xogħol tagħhom huwa mmexxi b’oġġettività u mhux politika partiġġjana,” qalet id-delegazzjoni tal-Partit Laburista.