60 uffiċjal għall-Faċilità Korrettiva fil-qrib

60 uffiċjal se jiġu mpjegati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-qrib hekk kif ftit taż-żmien ilu nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni. Il-proċess jinsab diġà fi stadju ta’ evalwazzjoni tal-applikanti.
Is-sittin uffiċjal li se jiġu mpjegati f’din il-kariga dalwaqt huma parti minn 165 li huma meħtieġa għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
B’kollox, f’din il-faċilità bħalissa hemm 172 post vakanti. Minbarra l-uffiċjali, id-direzzjoni tal-ħabs tinsab fil-proċess li toħroġ sejħa għal żewġ social workers u għal erba’ psikologi. Dan l-aħħar intagħżlet il-persuna li se sservi bħala psikologu anzjan hekk kif ir-riżultat intbagħat lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Il-Ministru tal-Intern Manuel Mallia ta din l-informazzjoni fil-Parlament hekk kif wieġeb il-Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Il-Ministru Mallia speċifika li l-172 post vakanti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tħallew vakanti mill-amministrazzjoni preċedenti.