‘60% tal-ħlas’ għall-operaturi tat-trasport b’xejn għall-iskejjel waqt il-pandemija

L-operaturi tat-trasport b’xejn għall-iskejjel tħallsu 60% tal-ħlas dovut lilhom għal perjodu ta’ bejn April u Ġunju 2020. Dan peress li l-iskejjel ngħalqu f’Marzu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Kelliem għall-Miniseru għall-Edukazzjoni qal lil Newsbook.com.mt li x-xufiera setgħu japplikaw ukoll għall-iskemi maħruġa mill-Gvern fid-dawl tal-coronavirus. Dwar il-ħlas ta’ bejn April u Ġunju l-Ministeru laħaq ftehim mal-operaturi.

Il-kelliem spjega li l-ispiża għas-sena skolastika 2018/2019 kienet ta’ €16.3 miljun u l-ispiża (bil-ftehim milħuq) għas-sena skolastika 2019/2020 kienet ta’ €11.2 miljun.

L-operaturi tat-trasport li għandhom kuntratt attiv mal-MEDE, bis-servizzi differenti tagħhom, tħallsu b’dawn l-ammonti:

  • Jannar 2020: €1.5m
  • Frar 2020: €1.3m
  • Marzu 2020: €1.6m
  • April 2020: €0.6m
  • Mejju 2020: €0.9m
  • Ġunju 2020: €0.9m

Il-kelliem qal ukoll li hemm tmien kuntratti ma’ operaturi tat-trasport għall-iskejjel tal-istat u 280 kuntratti ma’ operaturi għall-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE) iħallas lill-operaturi tat-trasport (mhux minibuses biss u mhux lix-xufiera) il-ħlas dovut għas-servizz li joffru. Il-MEDE jixtri s-servizz mingħand l-operaturi tat-trasport u għaldaqstant iħallas għas-servizz u mhux pagi lix-xufiera. Il-ħlas isir għal kull rotta li tiġi operata mill-operatur tat-trasport li għandu kuntratt attiv mal-MEDE,” spjega l-kelliem.

Intqal li kull rotta:

  1. Tista’ tkun operata b’vettura differenti eż. rotot li huma operati b’minibus u oħrajn b’coaches. Kemm minibuses u kemm coaches hemm diversi kategoriji eż. 14 seaters, 18 seaters, 36 seaters u 53 seaters
  2. Għandha tul partikolari li huwa maqsum f’distanzi qosra, medji, u twal
  3. Għandha regoli u ħlas differenti għall-kuntratti li joperaw l-iskejjel tal-istat u għall-kuntratti li joperaw l-iskejjel mhux tal-istat

Ġie spjegat li ghalhekk il-ħlas għal kull rotta huwa differenti skont id-dettalji li jvarjaw minn każ għal ieħor.