60 rakkomandazzjoni lill-Gvern għat-tkabbir ekonomiku u l-kredibiltà

Read in English.

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ ipproponiet li l-Gvern jadotta żewġ strateġiji għall-isfidi li Malta mistennija taffaċċja fil-ħames snin li ġejjin. Il-Kamra għamlet 60 rakkomandazzjoni lill-Gvern li ħarġu minn think tank li fih ipparteċipaw l-aqwa 25 Kapijiet Eżekuttivi u persuni fin-negozju f’Malta.

Il-Kamra qalet li kuntrarju għall-aħħar viżjoni li kienet twila seba’ snin, din id-darba bbażaw il-viżjoni tagħhom fuq ħames snin minħabba l-isfidi globali, reġjonali u lokali flimkien ma’ interruzzjonijiet mill-innovazzjoni u t-teknoloġija li skonthom ipoġġu restrizzjoni ta’ żmien li fih iridu jsiru deċiżjonijiet importanti.

Saħqu li “dawn huma deċiżjonijiet li jistabbilixxu jew jibnu fuq politiki eżistenti li jiddeterminaw it-tkabbir ekonomiku futur ta’ Malta u l-livell ta’ għejxien aħjar”.

Ċaqliq aktar qawwi

Il-viżjoni tal-Kamra għall-ħames snin li ġejjin hija mmirata li tindirizza ċaqliq aktar qawwi fl-ekonomija. Dan billi jkun hemm tkabbir ekonomiku intelliġenti u u billi l-iżvilupp ekonomiku ikun sostenibbli. Il-Kamra spjegat li l-istrateġija tkun suċċess jekk dawn is-seba’ pilastri jkunu b’saħħithom: Kwalità, Innovazzjoni u Teknoloġija, miri Globali, Kapital Uman, Produttività. Governanza u Koeżjoni Soċjali.

Skont il-Kamra, hemm erba’ fatturi li jippermettu t-tkabbir ekonomiku intelliġenti u sostenibbli. Dawn huma: l-istabbiltà makroekonomika fit-tul, diġitalizzazzjoni u governanza, il-Gvern u l-ġudikatura u l-ostakli tal-infrastruttura.

60 rakkomandazzjoni

Il-viżjoni tal-Kamra tal-Kummerċ fiha sittin rakkomandazzjoni. Danw jinkludu l-ħtieġa li l-kwistjoni tal-pensjonijiet tiġi indirizzata b’ċerta urġenza, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul kif ukoll l-implimentazzjoni tat-teknoloġija 5G. Il-Kamra rrakkomandat politika ta’ tolleranza żero għall-korruzzjoni u li l-ġudikatura tkun ġusta, rapida, responsabbli u trasparenti.

Id-dokument jipproponi li l-politika tat-trasport terġa’ tkun tiffoka fuq il-persuna flok iċċentrati fuq il-karozzi u li l-industrija tkun aktar mmexxija mill-innovazzjoni.

Kredibbiltà

Id-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ enfasizza l-ħtieġa li “Malta … tibni il-kredibilità tagħha mill-ġdid bħala attur globali onest fis-setturi ekonomiċi kollha. Malta sofriet ħsarat kbar fir-reputazzjoni internazzjonali riżultat tal-immaniġġjar ħażin tal-iskandlu tal-Panama Papers minkejja sejħiet ripetuti, anke mill-Kamra, biex il-Gvern jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi li eventwalment intlaħqu bir-riżultat tal-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-proċess ta’ tindif mistenni mill-Kamra u r-riformi istituzzjonali li ġejjin għandhom isiru fl-iqsar żmien possibbli. Il-pajjiż ma jistax jistenna li jesperjenza rati simili ta’ espansjoni ekonomika u stabbiltà ekonomika fit-tul mingħajr governanza tajba u fl-istess ħin in-negozju ma jistax jirnexxi mingħajr stabbiltà ekonomika u tal-politika. Il-Kamra, kif għamlet b’mod regolari minn meta ħarġu l-aħbarijiet dwar il-Panama Papers, se tkompli tinsisti għall-ħarsien inekwivoku tat-tliet pilastri ewlenin ta’ governanza tajba li huma r-Responsabbiltà, it-Trasparenza u l-Istat tad-Dritt”.