60 persuna mejta u 15,000 jaħarbu wara attakk minn Boko Haram

Fil-jiem li għaddew il-grupp ta’ fundamentalisti Iżlamiċi Boko Haram attakkaw belt fit-Tramuntana tan-Niġerja u ħallew 66 persuna mejta filwaqt li madwar 15,000 resident kellhom jaħarbu.
Għadd kbir ta’ rġiel armati b’armi u splussivi daħlu fil-Belt ta’ Damboa matul il-lejl tal-Ħamis li għadda.
Jidher li l-attakk dam għaddej sa tard il-Ħadd filgħaxija fejn uffiċjali qed jgħidu li tilfu ħajjithom aktar minn 60 persuna.
Il-forzi militari tan-Niġerja qed jippruvaw jieħdu lura l-Belt taħt idejhom wara li fuq il-binjiet ta’ Damboa ttelgħet il-bandiera sewda, tipika tal-grupp Boko Haram.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Boko Haram kienu diġà attakkaw il-bażi militari ta’  f’Damboa. F’dak l-attakk kienu mietu mal-50 membru ta’ Boko Haram. Infatti residenti qed jgħidu li l-attakk tal-Ħamis sar bħala tpattija.