Awdjo: 60 persuna li jmissu mal-ġustizzja jfittxu xogħol kull sena

Kull sena madwar 60 post tax-xogħol ikunu bżonnjużi għal persuni li jkunu temmew is-sentenza fil-ħabs, għandhom sentenza sospiża jew ingħataw libertà proviżorja.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, il-President tal-Fondazzjoni RISE, Fr Franco Fenech, spjega li bħalissa hawn madwar 60 priġunier li qegħdin joħorġu jaħdmu barra mill-ħabs ma’ kunsilli u anke entitajiet privati.
Fr Franco saħaq li hemm differenza bejn il-privileġġ li priġunier jaħdem mill-ħabs, għas-sagrifiċċju ta’ meta persuna trid tmur taħdem mid-dar. Għalhekk il-Fondazzjoni taħdem biex il-priġunier jagħraf ir-responsabilitajiet tiegħu.  
Saħaq li l-istigma li jkollhom fuqhom persuni li jkunu missu mar-realtà tal-ħabs għada tinħass, u għalhekk isibuha diffiċli biex jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà.
Il-Kappillan tal-ħabs sostna li jekk is-soċjetà tibża minn dawk li missew mal-ħabs, anke l-priġunieri jibżgħu minnha għax jagħrfu li se jsibu ambjent ostili.
Filwaqt li għadd ta’ priġunieri qed isegwu korsijiet mal-ETC u anke l-MCAST, oħrajn ma jfittxu li jitgħallmu xejn għax jibżgħu li xorta ma jkunx milqugħa lura fis-soċjetà.  
Fr Franco spjega li l-Fondazzjoni RISE taħdem biex iddawwar il-ħarsa tagħha minn fuq ir-reat għall-aspetti pożittivi tal-priġunier speċjalment fl-aħħar sena tas-sentenza biex joħroġ fid-dinja tax-xogħol aktar integrat. 
Żied li dan jeħtieġ xogħol kbir u jħoss li f’dan ir-rigward hawn nuqqas ta’ riżorsi umani.
Dalgħodu RISE organizzat seminar taħt il-Patroċinju tal-President tar-Reppublika bit-tema “L-Integrazzjoni tal-Priġunieri fis-Suq tax-Xogħol: Xi jmiss?”