60 mistoqsija parlamentari dwar il-Kappara Junction

Matul din il-leġiżlatura, deputati parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti għamlu 60 mistoqsija dwar ix-xogħol li mistenni jibda iktar tard dan ix-xahar fuq il-junction tal-Kappara.
Dan joħroġ minn informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Parlament iddedikat lill-mistoqsijiet parlamentari.
Fis-seduta ta’ lbieraħ deputati parlamentari ddedikaw il-ħin kollu ddedikat għall-mistoqsijiet parlamentari dwar dan ix-xogħol, fosthom dwar liema toroq anċillari se jintużaw u x’konsultazzjonijiet saru mal-Kunsilli Lokali u stakeholders oħra bi tħejjija għal dan. Bosta mill-mistoqsijiet supplimentari, effettiament kienu mwieġba bil-miktub dakinhar stess jew fis-seduta preċedenti. 
Fid-diversi tweġibiet li ta, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi spjega li x-xogħol mistenni jibda matul il-ġimgħa li ġejja u jitlesta tal-aħħar ta' Diċembru 2017. Qal ukoll li matul ix-xogħolijiet it-traffiku se jkun qed jiġi ddevjat minn diversi toroq tal-madwar u għalhekk se jkun hemm diversi tibdiliet fil-mod kif jiġi mmaniġjat it-traffiku fil-lokalitajiet ta' San Ġwann, Swieqi, tas-Sliema u l-Gżira fost l-oħrajn. Dan se jinkludi t-tnaqqis ta' bosta postijiet ta' parkeġġ, toroq li ssoltu jkunu bżkarreġġjati f'direzzjonijiet differenti mibdula għal żewġ karreġġjati f'direzzjoni waħda kif ukoll skema ta' park and ride biex ittaffi għat-telfien ta' parkeġġi. Transport Malta se tkun qed tippubblika aġġornamenti spissi dwar il-bidliet li se jkunu qed isiru minn jum għall-ieħor.