60 miljun persuna mġiegħla jaħarbu minn djarhom

L-aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qed twissi dwar era ġdida ta’ persuni imġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom.
F’rapport ippublikat illum, il-UNHCR spjegat li qed jiżdied b’rata mgħaġġla il-fenomenu ta’ persuni li jkollhom jaħarbu minn darhom minħabba gwerer, kunflitti u persekuzzjoni.
Sal-aħħar tal-2014, 59.5 miljun persuna kienu sfurzati jaħarbu minn darhom, imqabbla mal-51.2 miljun is-sena ta’ qabel u 37.5 miljun għaxar snin qabel. Iż-żieda mill-2013 kienet l-ikbar f’sena waħda. Nofs ir-refuġjati madwar id-dinja kienu tfal.
Il-gwerra fis-Sirja fl-2011 kienet l-ikbar fattur li wassal biex in-nies ħarbu minn pajjiżhom. Kull ġurnata, matul is-sena li għaddiet, madwar 42,500 persuna saru refuġjati, persuni li qed ifittxu kenn politiku, jew ħarbu minn darhom.
Il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres qal li fid-dinja bdiet era fejn qed jiżdiedu l-kunflitti filwaqt li l-komunità internazzjonali tidher li mhix kapaċi taħdem flimkien biex twaqqaf il-gwerer u ssaħħaħ il-paċi.
Ir-rapport juri li ħafna refuġjati jsibu kenn f’pajjiżi foqra u mhux f’pajjiżi sinjuri.
L-informazzjoni ta’ pajjiżi individwali, in-numru ta’ nies li marru lura pajjiżhom u l-istimi ta’ popolazzjonijiet mingħajr stat huma aċċessibli hawnhekk.