$60 miljun għal djamant

$60 miljun għal djamant, jew €57 miljun. Daqshekk qed jistenna William Lamb, il-Kap Eżekuttiv ta’ Lucara Diamond Corp., li fil-ġranet li għaddew ħabbret l-iskoperta ta’ djamant ta’ 1,111-il karat. 
Din is-sejba ħolqot riperkussjonijiet kbar f’din l-industrija, li għandha valur ta’ aktar minn $80 biljun.
Dan id-djamant, ftit iżgħar minn ballun tat-tennis, hu l-akbar wieħed li nstab sa mill-1905, meta djamant imdaqqas li nstab fl-Afrika t’Isfel kien intuża għal ġojjelli tal-Kuruni tar-Renju Unit.
Il-Kap Eżekuttiv diġà rrifjuta offerta ta’ aktar minn $40 miljun, u qal li l-Mużew tal-Istorja Nazzjonali ta’ Londra diġà għamlu kuntatt miegħu biex ikun jista’ jesebixxi dan l-eżemplari rari.
Madankollu, hu wera li m’għandu ebda għaġġla biex ibiegħ għax jemmen li jista’ jikseb ferm aktar għal dan id-djamant. Dan barra li l-kumpanija m’għandha ebda dejn xi tħallas.
Ikompli l-iskandlu tal-Volkswagen
Intant l-iskandlu tal-Volkswagen kompla jħalli r-riperkussjonijiet madwar id-dinja hekk kif il-Korea t’Isfel ordnat li jinġabru lura aktar minn 125,000 vettura ta’ din id-ditta. Dan wara li ttestjar mill-awtoritajiet Koreani wera li l-kumpanija intenzjonalment immanipulat it-tagħmir li jikkalkula l-emissjonijiet ta’ diesel.
Il-Korea t’Isfel hu t-tieni pajjiż, wara l-Istati Uniti, li ħabbar miżuri bbażati fuq l-ittestjar tiegħu stess wara li faqqa’ dan l-iskandlu. Volkswagen ammetiet li s-software, li jnaqqas kemm il-karozzi jkunu qed jarmu nitrogen oxide fl-arja, ġie installat f’xejn anqas minn 11-il miljun karozza.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment