60 każ ġdid ta’ HIV sal-aħħar ta’ Ottubru

Sa Ottubru kien hemm 60 każ tal-HIV ġdid irrappurtat, 15-il każ iktar mis-sena ta’ qabel. Fl-2016 kien hemm 63 każ ġdid filwaqt li fis-sena 2015 kien hemm 61 każ. Dawn iċ-ċifri ingħataw mill-kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa wara li kienet mistoqsija minn Newsbook.com.mt.

Din il-kamra tal-aħbarijiet għamlet kuntatt mal-Ministeru wara li Preping Malta, paġna fuq Facebook li tipprovdi informazzjoni dwar il-profilassi qabel u wara wieħed li jiġi espost għall-HIV qalet li saru jafu li l-appuntament li jmiss mingħand il-GU Clinic jista’ jingħata biss fi Frar ta’ sena d-dieħla. Newsbook.com.mt meta ċempel ingħata appuntament għall-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.

Mark Josef Rapa, l-amministratur tal-paġna, saħaq ma’ Newsbook.com.mt li wieħed ikollu jistenna ġimgħat biex jagħmel testijiet għall-infezzjonijiet li jiġu trażmessi sesswalment mhux aċċettabli. Huwa saħaq li l-mard bħal dan huwa wieħed infettiv u għandu jiġi trattat b’mod immedjat. Rapa saħaq fuq il-bżonn ta’ appuntamenti iktar spissi biex dal-mard jitwaqqaf milli jiġi trażmess, spjega kif iktar ma jiġi ttestjat malajr iktar jista’ jkun trattat malajr. Huwa tkellem ukoll dwar il-fatt li l-ebda screening ma jsir fi tmiem il-ġimgħa u għalhekk persuna jkollha tieħu l-leave mix-xogħol. Rapa saħaq li bħala parti mis-soluzzjonijiet fejn għandu x’jaqsam l-HIV, għandu jkun hemm sussidji fuq l-HIV self-test kits. Spjega kif b’hekk persuna li tissuspetta li għandha l-HIV tkun tista’ tagħmel dan it-test id-dar.

M’hemmx bżonn appuntament għal testijiet urġenti tal-HIV – Ministeru

Il-kelliema għall-Ministeru saħqet ma’ Newsbook.com.mt li permezz tal-kampanji edukattivi kontinwi kif ukoll dawk fil-midja, iktar u iktar nies qed jersqu l-quddiem biex jagħmlu t-testijiet. Hi spjegat li dawk li jixtiequ jagħmlu testijiet mgħaġġla jistgħu jagħmlu dan il-GU clinic f’Mater Dei f’kwalunkwe ġurnata ta’ xogħol u mingħajr bżonn ta’ appuntament. Il-kelliema spjegat kif pazjenti bis-sintomi jew għandhom referenza tat-tabib jingħataw appuntament skont il-prijorità. Kompliet tgħid li kien hemm każijiet urġenti fejn il-persuni qabdu u marru l-klinika mingħajr appuntament.

X’kienu l-każijiet ta’ mard li jiġi trażmess sesswalment fl-aħħar erba’ snin?

Mill-istatiska provduta mill-kelliema tal-Ministeru tas-Saħħa dawn kienu l-każijiet ġodda li ġew irrappurtati sena b’sena:

2015 – 154 każ ta’ klamidja, 66 każ ta’ gonorrea, 41 każ ta’ sifili

2016 – 270 każ ta’ klamidja, 74 każ ta’ gonorea, 39 każ ta’ sifili

2017 – 297 każ ta’ klamidja, 106 każ ta’ gonorrea, 62 każ ta’ sifili

2018 (sal-aħħar ta’ Ottubru) – 291 każ ta’ klamidja, 101 każ ta’ gonorea u 73 każ ta’ sifili.